Monday 30 January 2017


Għaliex  l-MUT qed tinkwieta dwar l-iskejjel Maltin?


Nhar it-Tnejn 16 ta’Jannar, l-Malta Union of Teachers ħarġet stqarrija biex tgħid li l-professjoni tal-għalliema hija "fi kriżi". Din id-dikjarazzjoni kkawżat diversi reazzjonijiet, kemm fost l-edukaturi u kemm fost dawk li mhumiex. X’wassal għal din is-sitwazzjoni ta’ kriżi? Ir-risposta  tinstab fl-istess riformi edukattivi li l-għalliema tagħna ilhom is-snin għaddejjin minnhom.


Huwa fatt magħruf li dawn ir-riformi huma kkaratterizzati bl-introduzzjoni ta' aktar xogħol ta' karti. Dan allavolja l-għalliema suppost huma l-mexxejja ta dan is-sett sħiħ ta' burokrazija ġdida. Minbarra t-tagħlim, l-għalliema issa għandhom il-piż miżjud ta’ xogħol klerikali li qabel ma kienx hemm.


Din il-burokrazija kollha saret biex issostni din is-serje sħiħa ta' riformi. L-ikbar riforma seħħet fl-2006 meta l-ewwel kulleġġi ġew stabbiliti. Imbagħad fl-2011, kien hemm it-tneħħija ta' l-eżami tal-Junior Lyceum u l-introduzzjoni ta' l-eżami tal-Benchmark. Ir-riformi komplew jiġu ntrodotti anki wara l-elezzjoni ta' gvern ġdid. Mill- 2013 kien hemm it-twaqqif ta' l-iskejjel ko-ed, u twaqqfu Middle Schools u Senior Schools. It-twaqqif ta’ l-iskejjel ko-ed kien ċertament mgħaġġel. Għal l-ewwel ġie introdott bħala proġett pilota. Wara tliet xhur, dan il-proġett pilota kien tant meqjus li hu suċċess li ttieħdet deċiżjoni li l-kulleġġi kollha jkunu ko-ed minn Settembru 2014. Wara dan, kien hemm id-dibattitu dwar learning outcomes framework. Fi żmien ftit snin, ir-riforma hekk imsejħa My Journey se tibda tiġi mplimentata fl-iskejjel sekondarji. Dan ifisser li l-istudenti fl-iskejjel sekondarji jistgħu jagħżlu jew li jkomplu fi triq akkademika jew inkella jaqbdu t-triq vokazzjonali. Dan sabiex ikun hemm aktar inklużjoni. Ir-riżultat aħħari huwa li l-iskejjel Maltin kollha qed jegħrqu taħt l-ammont ta' xogħol ta’ karti li żdied f’dawn l-aħħar snin. Dan kollu qed jikkawża  reform fatigue, għax l-għalliema lokali ma jistgħux jieħdu r-ruħ wara dawn ir-riformi kollha ta’ dawn l-aħħar snin.


Issa, il-wegħda elettorali ta’ tablets għat-tfal kollha tar-raba’ sena tal-primarja qed tiġi mwettqa. Il-ġimgħa l-oħra, l-istudenti tar-raba’ sena fl-iskejjel primarji differenti kellhom jieħdu t-tablet tagħhom l-iskola biex jibdew jużawh. Madankollu, huwa l-użu ta’ dawn it-tablets verament meħtieġ? Ġew maħsuba l-konsegwenzi ta’ din l-azzjoni? Minix ngħid li t-tablets m’għandhomx post importanti fit-tagħlim, imma li l-użu tagħhom hu supplimentari, mhux trasformattiv. Studji wrew li l-istudenti żgħażagħ jitgħallmu aħjar meta jkollhom konnessjoni personali ma’ l-adult. It-tablets ma jistgħux jissostitwixxu l-għalliema. L-ewwel  sors ta’ għarfien għall-istudenti għandu jkun mill-komunikazzjoni personali ma’ l-għalliem.


Fit-teorija, dawn ir-riformi kollha kienu maħsuba biex jiffaċilitaw it-trasferiment tal-għarfien u biex inaqqsu t-tensjoni fost l-istudenti u l-għalliema. Il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali (2012) joffri spazju għall-istudenti biex jitgħallmu bil-pass tagħhom. Barra minn hekk, huwa jippromwovi tranżizzjoni bla xkiel mill-primarja għall-iskola sekondarja. Hija politika ċċentrata madwar it-tfal, f'dak li kull tifel u tifla jitgħallmu bil-pass tagħhom.


Fir-realtà, il-ħidma għall-għalliema żdiedet bla bżonn. B'hekk fi klassi tipika tal- primarja, l-għalliem irid jipprepara diversi eżerċizzji differenti; għal dawk li jifhmu mill-ewwel, għal dawk li jinsabu fin-nofs, u għal dawk li għadhom lura. It-teorija tat-tagħlim differenzjat hija sabiħa fuq il-karta imma hi possibbli fit-tul? Li hu żgur hu li tmur kontra l-prinċipji bażiċi proposti minn Adam Smith, li wassal għall-rivoluzzjoni industrijali. Din is-sistema edukattiva li qed inħaddnu tmur kontra l-prinċipji bażiċi tad-diviżjoni jew id-distribuzzjoni tax-xogħol. Minflok ma jkun hemm diversi għalliema bi grupp ta’ studenti li għandhom ħiliet varji, kull għalliem jibda jgħallem grupp wieħed mill-istudenti li jkollhom abiltajiet ugwali. Skond Smith, dan iżid il-produttività, li fl-edukazzjoni, ifisser li jkollhom riżultati aħjar.



Il-Kurrikulu Nazzjonali poġġa l-għalliema taħt ħafna pressjoni biex jinkiseb l-impossibbli. Bi gruppi differenti x’ jgħallmu fl-istess klassi, l-għalliema isibuha kważi impossibbli li jispjegaw lezzjoni tajba għal kull grupp ta’ studenti, fl-ispazju ta' lezzjoni waħda. Il-fatt hu li meta għalliem qed jagħti attenzjoni għall-ħtiġijiet ta' l-istudent individwali fi klassi ta' ħamsa u għoxrin,l- erbgħa u għoxrin oħra ma jkunux qed jirċievu l-attenzjoni tal-għalliem.


Dan iġiegħel wieħed jistaqsi: l-implimentazzjoni tat-tagħlim differenzjat fil-klassi qed iħalli r-riżultati meħtieġa? Qed tingħalaq id-differenza bejn is-sinjuri u l-iżvantaġġati? Jew id-differenzi ta’ bejniethom komplew jiżdiedu minkejja l-miżuri kollha mwettqa fl-aħħar għoxrin sena?


Id-Dipartiment Edukazzjoni qiegħed il-ħin kollu jevolvi. Dan huwa dak li qed jimla l-għalliema bir- rabja. Dan huwa dak li qed ibiegħed lil-ġenerazzjoni żagħżugħa milli jsiru għalliema.

Min hu dak li jkun kuntent meta jkun affaċjat minn ammont ta' bidliet kontinwi, b’dejjem iżjed burokrazija, u bil-paga miżera, meta dawn jistgħu jsibu prospetti aħjar x'imkien ieħor? Tabilħaqq, il-professjoni ta’ għalliema għandha futur skoraġġanti quddiemha.